search


keyboard_tab Digital Market Act 2022/1925 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/1925 MT cercato: '   il-kummissjoni' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index    il-kummissjoni:

    KAPITOLU I
    SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

    KAPITOLU II
    GWARDJANI

    KAPITOLU III
    PRATTIKI TA’ GWARDJANI LI JILLIMITAW IL-KONTESTABBILTÀ JEW LI HUMA INĠUSTI

    KAPITOLU IV
    INVESTIGAZZJONI TAS-SUQ

    KAPITOLI V
    SETGĦAT INVESTIGATTIVI, TA’ INFURZAR U TA’ MONITORAĠĠ

    KAPITOLU VI
    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI


whereas    il-kummissjoni:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 1628

 

Artikolu 3

Deżinjazzjoni tal-gwardjani

1.   Impriża għandha tiġi deżinjata bħala gwardjan jekk:

(a)

ikollha impatt sinifikanti fuq is-suq intern;

(b)

tipprovdi servizz ewlieni ta’ pjattaforma li jkun gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lil utenti finali; u

(c)

tgawdi minn pożizzjoni stabbilita u dejjiema, fl-operazzjonijiet tagħha, jew ikun prevedibbli li fil-futur qrib ser tgawdi tali pożizzjoni.

2.   Impriża għandha titqies li tissodisfa r-rekwiżiti rispettivi fil-paragrafu 1:

(a)

fir-rigward tal-paragrafu 1, punt (a), meta tikseb fatturat annwali fl-Unjoni ta’ EUR 7,5 biljun jew aktar f’kull waħda mill-aħħar tliet snin finanzjarji, jew meta l-kapitalizzazzjoni medja tas-suq tagħha jew il-valur ġust ekwivalenti tas-suq tagħha jammontaw għal mill-inqas EUR 75 biljun fl-aħħar sena finanzjarja, u tkun tipprovdi l-istess servizz ewlieni ta’ pjattaforma f’mill-inqas tliet Stati Membri;

(b)

fir-rigward tal-paragrafu 1, punt (b), meta tipprovdi servizz ewlieni ta’ pjattaforma li fl-aħħar sena finanzjarja jkollu ta’ mill-inqas 45 miljun utent finali attiv fix-xahar stabbiliti jew li jinsabu fl-Unjoni u mill-inqas 10 000 utent kummerċjali attiv fis-sena stabbiliti fl-Unjoni, identifikati u kkalkulati skont il-metodoloġija u l-indikaturi stabbiliti fl-Anness;

(c)

fir-rigward tal-paragrafu 1, punt (c), fejn il-limiti fil-punt (b) ta’ dan il-paragrafu jkunu ntlaħqu f’kull waħda mit-tliet snin finanzjarji tal-aħħar.

3.   Meta impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tilħaq il-limiti kollha fil-paragrafu 2, din għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b’dan mingħajr dewmien u, fi kwalunkwe każ, fi żmien xahrejn wara li dawk il-limiti jkunu ntlaħqu u tipprovdilha l-informazzjoni rilevanti identifikata fil-paragrafu 2. Dik in-notifika għandha tinkludi l-informazzjoni rilevanti identifikata fil-paragrafu 2 għal kull servizz ewlieni ta’ pjattaforma tal-impriża li tilħaq il-limiti fil-paragrafu 2, punt (b). Kull meta servizz ewlieni ta’ pjattaforma ieħor ipprovdut mill-impriża li qabel kienet iddeżinjata bħala gwardjan jilħaq il-limiti fil-paragrafu 2, punti (b) u (c), tali impriża għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b’dan fi żmien xahrejn wara li jintlaħqu dawk il-limiti.

Meta l-impriża li tipprovdi s-servizz ewlieni ta’ pjattaforma tonqos milli tinnotifika lill-Kummissjoni skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u tonqos milli tipprovdi sal-iskadenza stabbilita mill-Kummissjoni fit-talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 21 l-informazzjoni rilevanti kollha li hija meħtieġa biex il-Kummissjoni tiddeżinja l-impriża kkonċernata bħala gwardjan skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni xorta waħda għandha tkun intitolata tiddeżinja lil dik l-impriża bħala gwardjan, abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni.

Meta l-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tikkonforma mat-talba għal informazzjoni skont it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jew meta l-informazzjoni hija pprovduta wara l-iskadenza msemmija f’dak is-subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tapplika l-proċedura stabbilita fil-paragrafu 4.

4.   il-kummissjoni għandha tiddeżinja bħala gwardjan, mingħajr dewmien żejjed u sa mhux aktar tard minn 45 jum tax-xogħol wara li tirċievi l-informazzjoni kompluta msemmija fil-paragrafu 3, impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li tilħaq il-limiti kollha tal-paragrafu 2.

5.   L-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tista’ tippreżenta, bin-notifika tagħha, argumenti sostanzjati biżżejjed biex turi li, eċċezzjonalment, għalkemm tilħaq il-limiti kollha fil-paragrafu 2, minħabba ċ-ċirkostanzi li fihom jopera s-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti, hija ma tissodisfax ir-rekwiżiti elenkati fil-paragrafu 1.

Meta l-Kummissjoni tqis li l-argumenti mressqa skont l-ewwel subparagrafu mill-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma ma jkunux sostanzjati biżżejjed minħabba li ma jixħtux dubju ċar fuq il-preżunzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, hija tista’ tirrifjuta dawk l-argumenti fil-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 4, mingħajr ma tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(3).

Meta l-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tippreżenta tali argumenti sostanzjati biżżejjed li b’mod ċar jixħtu dubju fuq il-preżunzjonijiet fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’, minkejja l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, fil-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, tiftaħ il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(3).

Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma ma setgħetx turi li s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti li tipprovdi ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, hija għandha tiddeżinja lil dik l-impriża bħala gwardjan skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(3).

6.   il-kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika l-metodoloġija li tiddetermina jekk jintlaħqux il-limiti kwantitattivi stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, u biex taġġusta dik il-metodoloġija regolarment skont żviluppi teknoloġiċi u tas-suq, fejn meħtieġ.

7.   il-kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 biex temenda dan ir-Regolament billi taġġorna l-metodoloġija u l-lista ta’ indikaturi stabbiliti fl-Anness.

8.   il-kummissjoni għandha tiddeżinja bħala gwardjan, f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 17, kwalunkwe impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li tissodisfa kull wieħed mir-rekwiżiti tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, iżda li ma tilħaqx kull wieħed mil-limiti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tqis l-elementi kollha li ġejjin jew uħud minnhom, sa fejn huma rilevanti għall-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li tkun qed tiġi kkunsidrata:

(a)

id-daqs, inkluż il-fatturat u l-kapitalizzazzjoni tas-suq, l-operazzjonijiet u l-pożizzjoni ta’ dik l-impriża;

(b)

l-għadd ta’ utenti kummerċjali li jużaw is-servizz ewlieni ta’ pjattaforma biex jilħqu l-utenti finali, u l-għadd ta’ utenti finali;

(c)

l-effetti tan-network u vantaġġi xprunati mid-data, b’mod partikolari b’rabta mal-aċċess ta’ dik l-impriża għad-data personali u data mhux personali u l-ġbir tagħha, jew il-kapaċitajiet analitiċi tagħha;

(d)

kwalunkwe skala u effett tal-kamp ta’ applikazzjoni li minnhom tibbenefika l-impriża, inkluż fir-rigward tad-data, u, fejn rilevanti, tal-attivitajiet tagħha barra mill-Unjoni;

(e)

l-intrappolament tal-utent kummerċjali jew tal-utent finali, inkluż l-ispejjeż tal-bdil u l-preġudizzji marbutin mal-imġiba li jnaqqsu l-abbiltà tal-utenti kummerċjali u tal-utenti finali li jibdlu s-servizz jew jużaw multi-homing;

(f)

struttura korporattiva ta’ konglomerat jew integrazzjoni vertikali ta’ dik l-impriża, pereżempju li tippermetti lil dik l-impriża li tissussidja reċiprokament, tikkombina data minn sorsi differenti jew tingrana l-pożizzjoni tagħha; jew

(g)

karatteristiċi strutturali oħra tan-negozju jew tas-servizz.

Fit-twettiq tal-valutazzjoni tagħha skont dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tqis l-iżviluppi prevedibbli b’rabta mal-elementi elenkati fit-tieni subparagrafu, inkluż kwalunkwe konċentrazzjoni ppjanata li tinvolvi impriża oħra li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew li tipprovdi kwalunkwe servizz ieħor fis-settur diġitali jew li tippermetti l-ġbir ta’ data.

Meta impriża li tipprovdi servizz ewlieni ta’ pjattaforma li ma tilħaqx il-limiti kwantitattivi tal-paragrafu 2 tonqos b’mod sinifikanti milli tikkonforma mal-miżuri investigattivi ordnati mill-Kummissjoni, u dak in-nuqqas jippersisti wara li dik l-impriża tkun ġiet mistiedna tikkonforma f’limitu ta’ żmien raġonevoli u tressaq osservazzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ tiddeżinja dik l-impriża bħala gwardjan abbażi tal-fatti disponibbli għall-Kummissjoni.

9.   Għal kull impriża ddeżinjata bħala gwardjan skont il-paragrafu 4 jew 8, il-Kummissjoni għandha telenka fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti li huma pprovduti fi ħdan dik l-impriża u li individwalment huma gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lill-utenti finali kif imsemmi fil-paragrafu 1, punt (b).

10.   Il-gwardjan għandu jikkonforma mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7 fi żmien 6 xhur wara li servizz ewlieni ta’ pjattaforma jkun ġie elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont il-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 4

Rieżami tal-istatus tal-gwardjan

1.   Meta tintalab, jew b’inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra mill-ġdid, temenda jew tħassar fi kwalunkwe mument deċiżjoni tad-deżinjazzjoni adottata skont l-Artikolu 3 għal waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

tkun saret bidla sostanzjali fi kwalunkwe wieħed mill-fatti li fuqhom issejset id-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni;

(b)

id-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni tkun issejset fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa.

2.   il-kummissjoni għandha tirrieżamina regolarment, u mill-inqas kull 3 snin, jekk il-gwardjani għadhomx jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(1). Dak ir-rieżami għandu jeżamina wkoll jekk il-lista ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tal-gwardjan li huma individwalment gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lill-utenti finali, kif imsemmi fl-Artikolu 3(1), punt (b), teħtieġx li tiġi emendata. Dawk ir-rieżamijiet ma għandu jkollhom l-ebda effett ta’ sospensjoni fuq l-obbligi tal-gwardjan.

Il-Kummissjoni għandha teżamina wkoll mill-inqas kull sena jekk impriżi ġodda li jipprovdu servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jissodisfawx dawk ir-rekwiżiti.

Meta l-Kummissjoni, abbażi tar-rieżamijiet skont l-ewwel subparagrafu, issib li nbidlu l-fatti li fuqhom issejset id-deżinjazzjoni tal-impriżi li jipprovdu servizzi ewlenin ta’ pjattaforma bħala gwardjani, hija għandha tadotta deċiżjoni li tikkonferma, temenda jew tħassar id-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni.

3.   il-kummissjoni għandha tippubblika u taġġorna kontinwament il-lista tal-gwardjani u l-lista tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li għalihom jeħtieġ jikkonformaw mal-obbligi stipulati fil-Kapitolu III.

KAPITOLU III

PRATTIKI TA’ GWARDJANI LI JILLIMITAW IL-KONTESTABBILTÀ JEW LI HUMA INĠUSTI

Artikolu 7

Obbligu għall-gwardjani dwar l-interoperabbiltà tas-servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri

1.   Meta gwardjan jipprovdi servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri li huma elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9), dan għandu jagħmel il-funzjonalitajiet bażiċi tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri tiegħu interoperabbli mas-servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri ta’ fornitur ieħor li joffri jew li biħsiebu joffri dawn is-servizzi fl-Unjoni, billi jipprovdi l-interfaċċi tekniċi meħtieġa jew soluzzjonijiet simili li jiffaċilitaw l-interoperabbiltà, fuq talba, u mingħajr ħlas.

2.   Il-gwardjan għandu jagħmel mill-inqas il-funzjonalitajiet bażiċi li ġejjin imsemmija fil-paragrafu 1 interoperabbli meta l-gwardjan innifsu jipprovdi dawk il-funzjonalitajiet lill-utenti finali tiegħu stess:

(a)

wara l-elenkar fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9):

(i)

messaġġi testwali minn tarf sa tarf bejn żewġ utenti finali individwali;

(ii)

kondiviżjoni ta’ stampi, messaġġi bil-vuċi, vidjos u fajls mehmuża oħra f’komunikazzjoni minn tarf sa tarf bejn żewġ utenti finali individwali.

(b)

fi żmien sentejn mid-deżinjazzjoni:

(i)

messaġġi testwali minn tarf sa tarf fi gruppi ta’ utenti finali individwali;

(ii)

kondiviżjoni ta’ stampi, messaġġi bil-vuċi, vidjos u fajls mehmuża oħra f’komunikazzjoni minn tarf sa tarf bejn chat fi grupp u utent finali individwali;

(c)

fi żmien erba’ snin mid-deżinjazzjoni:

(i)

telefonati bil-vuċi minn tarf sa tarf bejn żewġ utenti finali individwali;

(ii)

telefonati bil-vidjo minn tarf sa tarf bejn żewġ utenti finali individwali;

(iii)

telefonati bil-vuċi minn tarf sa tarf bejn chat fi grupp u utent finali individwali;

(iv)

telefonati bil-vidjo minn tarf sa tarf bejn chat fi grupp u utent finali individwali.

3.   Il-livell ta’ sigurtà, inkluż il-kriptaġġ minn tarf sa tarf, fejn applikabbli, li l-gwardjan jipprovdi lill-utenti finali tiegħu stess għandu jiġi ppreservat fis-servizzi interoperabbli kollha.

4.   Il-gwardjan għandu jippubblika offerta ta’ referenza li tistabbilixxi d-dettalji tekniċi u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali tal-interoperabbiltà mas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri tiegħu, inkluż id-dettalji meħtieġa dwar il-livell ta’ sigurtà u l-kriptaġġ minn tarf sa tarf. Il-gwardjan għandu jippubblika dik l-offerta ta’ referenza fil-perjodu stabbilit fl-Artikolu 3(10) u jaġġornaha meta jkun meħtieġ.

5.   Wara l-pubblikazzjoni tal-offerta ta’ referenza skont il-paragrafu 4, kwalunkwe fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri li joffri jew li biħsiebu joffri tali servizzi fl-Unjoni jista’ jitlob interoperabbiltà mas-servizzi tal-komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri pprovduti mill-gwardjan. Tali talba tista’ tkopri wħud mill-funzjonalitajiet bażiċi jew il-funzjonalitajiet kollha elenkati fil-paragrafu 2. Il-gwardjan għandu jikkonforma ma’ kwalunkwe talba raġonevoli għal interoperabbiltà fi żmien tliet xhur wara li jirċievi dik it-talba billi jagħmel il-funzjonalitajiet bażiċi mitluba operazzjonali.

6.   il-kummissjoni tista’, eċċezzjonalment, fuq talba motivata tal-gwardjan, testendi l-limiti ta’ żmien għall-konformità skont il-paragrafu 2 jew 5 meta l-gwardjan juri li dan huwa meħtieġ biex tiġi żgurata interoperabbiltà effettiva u biex jinżamm il-livell meħtieġ ta’ sigurtà, inkluż kriptaġġ minn tarf sa tarf, fejn applikabbli.

7.   L-utenti finali tas-servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri tal-gwardjan u tal-fornitur rikjedenti ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri għandhom jibqgħu liberi li jiddeċiedu jekk jagħmlux użu mill-funzjonalitajiet bażiċi interoperabbli li jistgħu jiġu pprovduti mill-gwardjan skont il-paragrafu 1.

8.   Il-gwardjan għandu jiġbor u jiskambja mal-fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri li jagħmel talba għall-interoperabbiltà d-data personali biss tal-utenti finali li tkun strettament meħtieġa biex tiġi pprovduta interoperabbiltà effettiva. Kwalunkwe ġbir ta’ dan it-tip u skambju tad-data personali tal-utenti finali għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE.

9.   Il-gwardjan ma għandux jitwaqqaf milli jieħu miżuri biex jiżgura li l-fornituri terzi ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri li jitolbu l-interoperabbiltà ma jipperikolawx l-integrità, is-sigurtà u l-privatezza tas-servizzi tiegħu, dment li dawn il-miżuri jkunu strettament meħtieġa u proporzjonati u jkunu debitament ġustifikati mill-gwardjan.

Artikolu 8

Konformità mal-obbligi għall-gwardjani

1.   Il-gwardjan għandu jiżgura u juri konformità mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-Regolament. Il-miżuri implimentati mill-gwardjan biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dawk l-Artikoli għandhom ikunu effettivi biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u tal-obbligu rilevanti. Il-gwardjan għandu jiżgura li l-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri tikkonforma mal-liġi applikabbli, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679, id-Direttiva 2002/58/KE, il-leġiżlazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni tal-konsumatur, is-sikurezza tal-prodotti, kif ukoll mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà.

2.   il-kummissjoni tista’, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ gwardjan skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, tiftaħ proċedimenti skont l-Artikolu 20.

Il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni, li jispeċifika l-miżuri li l-gwardjan ikkonċernat għandu jimplimenta sabiex jikkonforma b’mod effettiv mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat fi żmien sitt xhur mill-ftuħ tal-proċedimenti skont l-Artikolu 20 f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

Meta jinfetħu proċedimenti fuq inizjattiva tagħha stess għal ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13, tali miżuri jistgħu jikkonċernaw l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7.

3.   Gwardjan jista’ jitlob lill-Kummissjoni tidħol fi proċess biex tiddetermina jekk il-miżuri li dak il-gwardjan ikun beħsiebu jimplimenta jew li jkun implimenta biex jiżgura l-konformità mal-Artikoli 6 u 7 humiex effettivi biex jintlaħaq l-objettiv tal-obbligu rilevanti fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-gwardjan. Il-Kummissjoni għandu jkollha d-diskrezzjoni li tiddeċiedi jekk tidħolx f’tali proċess, filwaqt li tirrispetta l-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ proporzjonalità u ta’ amministrazzjoni tajba.

Fit-talba tiegħu, il-gwardjan għandu jipprovdi sottomissjoni motivata biex jispjega l-miżuri li jkun beħsiebu jimplimenta jew li jkun implimenta. Barra minn hekk, il-gwardjan għandu jipprovdi verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjoni motivata tiegħu li tista’ tiġi kondiviża ma’ partijiet terzi skont il-paragrafu 6.

4.   Il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu huma mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikoli 29, 30 u 31.

5.   Bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-deċiżjoni skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet preliminari tagħha lill-gwardjan fi żmien tliet xhur mill-ftuħ tal-proċedimenti skont l-Artikolu 20. Fis-sejbiet preliminari, il-Kummissjoni għandha tispjega l-miżuri li qed tqis li ser tieħu jew li tqis li l-gwardjan ikkonċernat għandu jieħu biex is-sejbiet preliminari jiġu indirizzati b’mod effettiv.

6.   Sabiex il-partijiet terzi interessati jkunu jistgħu jipprovdu kummenti b’mod effettiv, il-Kummissjoni għandha, meta tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-gwardjan skont il-paragrafu 5 jew malajr kemm jista’ jkun wara dan, tippubblika sommarju mhux kunfidenzjali tal-każ u l-miżuri li tkun qed tqis li tieħu jew li tqis li għandu jieħu l-gwardjan ikkonċernat. Il-Kummissjoni għandha tispeċifika perjodu ta’ żmien raġonevoli li fih għandhom jiġu pprovduti tali kummenti.

7.   Meta tispeċifika l-miżuri skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri jkunu effettivi biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u l-obbligu rilevanti, u jkunu proporzjonati fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-gwardjan u s-servizz rilevanti.

8.   Għall-finijiet tal-ispeċifikazzjoni tal-obbligi skont l-Artikoli 6(11) u (12), il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll jekk il-miżuri intenzjonati jew implimentati jiżgurawx li ma jkunx fadal żbilanċ fid-drittijiet u l-obbligi għall-utenti kummerċjali u li l-miżuri ma jagħtux vantaġġ huma stess lill-gwardjan li jkun sproporzjonat għas-servizz ipprovdut mill-gwardjan lill-utenti kummerċjali.

9.   Fir-rigward ta’ proċedimenti skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni tista’, fuq talba jew fuq inizjattiva tagħha stess, tiddeċiedi li terġa’ tiftaħhom meta:

(a)

tkun saret bidla materjali f’xi wieħed mill-fatti li fuqhom tkun issejset id-deċiżjoni; jew

(b)

id-deċiżjoni tkun issejset fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa; jew

(c)

il-miżuri kif speċifikati fid-deċiżjoni ma jkunux effettivi.

Artikolu 10

Eżenzjoni għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika u sigurtà pubblika

1.   il-kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi fuq talba motivata ta’ gwardjan jew fuq inizjattiva tagħha stess, tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi d-deċiżjoni tagħha, biex teżenta lil dak il-gwardjan, kompletament jew parzjalment, minn obbligu speċifiku stabbilit fl-Artikolu 5, 6 jew 7 fir-rigward ta’ servizz ewlieni ta’ pjattaforma elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9), meta tali eżenzjoni tkun ġustifikata għar-raġunijiet stipulati fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu (“id-deċiżjoni ta’ eżenzjoni”). Il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni fi żmien tliet xhur wara li tirċievi talba motivata kompluta u għandha tipprovdi dikjarazzjoni motivata li tispjega r-raġunijiet għall-eżenzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   Meta tingħata eżenzjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina d-deċiżjoni tagħha dwar l-eżenzjoni jekk ir-raġuni għall-eżenzjoni ma tibqax teżisti jew mill-inqas kull sena. Wara dan ir-rieżami, il-Kummissjoni għandha tneħħi s-sospensjoni kompletament jew parzjalment, jew tiddeċiedi li l-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1 għadhom qed jiġu ssodisfati.

3.   Eżenzjoni skont il-paragrafu 1 tista’ tingħata biss għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika jew sigurtà pubblika.

4.   F’każijiet ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi skont talba motivata ta’ gwardjan jew fuq inizjattiva tagħha stess, tissospendi proviżorjament l-applikazzjoni ta’ obbligu speċifiku msemmija fil-paragrafu 1 għal servizz ewlieni individwali wieħed jew aktar ta’ pjattaforma, diġà qabel id-deċiżjoni skont dak il-paragrafu. Din it-talba tista’ ssir u tiġi aċċettata fi kwalunkwe ħin sakemm issir il-valutazzjoni tal-Kummissjoni skont il-paragrafu 1.

5.   Fil-valutazzjoni tat-talba msemmija fil-paragrafi 1 u 4, il-Kummissjoni għandha tqis, b’mod partikolari, l-impatt tal-konformità mal-obbligu speċifiku fuq ir-raġunijiet fil-paragrafu 3, kif ukoll l-effetti fuq il-gwardjan ikkonċernat u fuq partijiet terzi. Il-Kummissjoni tista’ tissoġġetta s-sospensjoni għal kondizzjonijiet u obbligi sabiex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn il-miri segwiti mir-raġunijiet fil-paragrafu 3 u l-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 12

Aġġornament tal-obbligi għall-gwardjani

1.   il-kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 biex jissupplimentaw dan ir-Regolament fir-rigward tal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6. Dawk l-atti delegati għandhom ikunu bbażati fuq investigazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 19 li tkun identifikat il-ħtieġa li dawk l-obbligi jinżammu aġġornati sabiex jindirizzaw prattiki li jillimitaw il-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma jew li jkunu inġusti bl-istess mod bħall-prattiki indirizzati mill-obbligi stipulati fl-Artikoli 5 u 6.

2.   Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ att delegat adottat skont il-paragrafu 1 għandu jkun limitat għal:

(a)

l-estensjoni ta’ obbligu li japplika biss għal ċerti servizzi ewlenin tal-pjattaforma, għal servizzi ewlenin oħra tal-pjattaforma elenkati fl-Artikolu 2, punt (2);

(b)

l-estensjoni ta’ obbligu li jkun ta’ benefiċċju għal ċerti utenti kummerċjali jew utenti finali sabiex ikun ta’ benefiċċju għal utenti kummerċjali jew utenti finali oħra;

(c)

l-ispeċifikazzjoni tal-mod li bih għandhom jitwettqu l-obbligi stipulati fl-Artikoli 5 u 6 mill-gwardjani sabiex tiġi żgurata konformità effettiva ma’ dawk l-obbligi;

(d)

l-estensjoni ta’ obbligu li japplika biss b’rabta ma’ ċerti servizzi pprovduti flimkien ma’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, jew b’appoġġ għalihom, għal servizzi oħra pprovduti flimkien ma’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew b’appoġġ għalihom;

(e)

l-estensjoni ta’ obbligu li japplika biss fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ data li għandu japplika fir-rigward ta’ tipi oħra ta’ data;

(f)

iż-żieda ta’ aktar kondizzjonijiet fejn obbligu jimponi ċerti kondizzjonijiet fuq l-imġiba ta’ gwardjan; jew

(g)

l-applikazzjoni ta’ obbligu li jirregola r-relazzjoni bejn diversi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tal-gwardjan u r-relazzjoni bejn servizz ewlieni ta’ pjattaforma u servizzi oħra tal-gwardjan.

3.   il-kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 biex temenda dan ir-Regolament fir-rigward tal-lista ta’ funzjonalitajiet bażiċi identifikati fl-Artikolu 7(2), billi żżid jew tneħħi l-funzjonalitajiet tas-servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri.

Dawk l-atti delegati għandhom ikunu bbażati fuq investigazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 19 li tkun identifikat il-ħtieġa li dawk l-obbligi jinżammu aġġornati sabiex jindirizzaw prattiki li jillimitaw il-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew li jkunu inġusti bl-istess mod bħall-prattiki indirizzati mill-obbligi stipulati fl-Artikolu 7.

4.   il-kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 biex tissupplimenta dan ir-Regolament fir-rigward tal-obbligi fl-Artikolu 7 billi tispeċifika l-mod li bih dawk l-obbligi għandhom jitwettqu sabiex tiġi żgurata konformità effettiva ma’ dawk l-obbligi. Dawk l-atti delegati għandhom ikunu bbażati fuq investigazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 19 li tkun identifikat il-ħtieġa li dawk l-obbligi jinżammu aġġornati sabiex jindirizzaw prattiki li jillimitaw il-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew li jkunu inġusti bl-istess mod bħall-prattiki indirizzati mill-obbligi stipulati fl-Artikolu 7.

5.   Prattika kif imsemmija fil-paragrafi 1, 3 u 4 għandha titqies bħala li tillimita l-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew li tkun inġusta meta:

(a)

dik il-prattika jkunu involuti fiha l-gwardjani u tkun kapaċi timpedixxi l-innovazzjoni u tillimita l-għażla għall-utenti kummerċjali u l-utenti finali minħabba li:

(i)

taffettwa jew tirriskja li taffettwa l-kontestabbiltà ta’ servizz ewlieni ta’ pjattaforma jew servizzi oħra fis-settur diġitali fuq bażi dejjiema minħabba li toħloq jew issaħħaħ ostakli għad-dħul għal impriżi oħra jew biex jespandu bħala fornituri ta’ servizz ewlieni ta’ pjattaforma jew servizzi oħra fis-settur diġitali; jew

(ii)

tipprevjeni lil operaturi oħra milli jkollhom l-istess aċċess għal input ewlieni bħall-gwardjan; jew

(b)

ikun hemm żbilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-utenti kummerċjali u l-gwardjan jikseb vantaġġ mill-utenti kummerċjali li jkun sproporzjonat għas-servizz ipprovdut minn dak il-gwardjan lil dawk l-utenti kummerċjali.

Artikolu 13

Antiċirkomvenzjoni

1.   Impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma ma għandhiex tissegmenta, tiddividi, tissuddividi, tifframmenta jew taqsam dawk is-servizzi permezz ta’ mezzi kuntrattwali, kummerċjali, tekniċi jew kwalunkwe mezz ieħor sabiex jiġu evitati l-limiti kwantitattivi stipulati fl-Artikolu 3(2). L-ebda prattika bħal din ta’ impriża ma għandha tipprevjeni lill-Kummissjoni milli tiddeżinjaha bħala gwardjan skont l-Artikolu 3(4).

2.   il-kummissjoni tista’, meta tissuspetta li impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tkun involuta fi prattika stipulata fil-paragrafu 1, titlob mingħand dik l-impriża kwalunkwe informazzjoni li hija tqis meħtieġa biex tiddetermina jekk dik l-impriża tkunx involuta f’tali prattika.

3.   Il-gwardjan għandu jiżgura li l-obbligi tal-Artikoli 5, 6 u 7 jiġu rrispettati għalkollox u b’mod effettiv.

4.   Il-gwardjan ma għandux ikun involut fi kwalunkwe mġiba li timmina l-konformità effettiva mal-obbligi tal-Artikoli 5, 6 u 7 irrispettivament minn jekk dik l-imġiba tkunx ta’ natura kuntrattwali, kummerċjali jew teknika, jew ta’ kwalunkwe natura oħra, jew tikkonsisti fl-użu ta’ tekniki komportamentali jew disinn tal-interfaċċa.

5.   Meta jkun meħtieġ il-kunsens għall-ġbir, l-ipproċessar, l-użu trażversali u l-kondiviżjoni ta’ data personali biex tiġi żgurata konformità ma’ dan ir-Regolament, gwardjan għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jew jippermetti li l-utenti kummerċjali jiksbu direttament il-kunsens meħtieġ għall-ipproċessar tagħha, meta dak il-kunsens ikun meħtieġ skont ir-Regolament (UE) 2016/679 jew id-Direttiva 2002/58/KE, jew inkella li jikkonforma mar-regoli u l-prinċipji tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u tal-privatezza b’modi oħra, inkluż billi jipprovdi data anonimizzata lill-utenti kummerċjali kif xieraq u meta xieraq. Il-gwardjan ma għandux jagħmel il-kisba ta’ dak il-kunsens mingħand l-utent kummerċjali aktar diffiċli milli għas-servizzi tiegħu stess.

6.   Il-gwardjan ma għandux inaqqas il-kundizzjonijiet jew il-kwalità ta’ xi servizz ewlieni ta’ pjattaforma pprovdut lil utenti kummerċjali jew lil utenti finali li jeżerċitaw id-drittijiet jew l-għażliet stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7, jew jagħmel l-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet jew l-għażliet diffiċli b’mod mhux xieraq, inkluż billi joffri għażliet lill-utent finali b’mod mhux newtrali, jew billi jdgħajjef l-awtonomija tal-utenti finali jew tal-utenti kummerċjali, it-teħid tad-deċiżjonijiet jew l-għażla ħielsa tal-utent permezz tal-istruttura, id-disinn, il-funzjoni jew il-mod tal-operat ta’ interfaċċa tal-utent jew parti minnha.

7.   Meta l-gwardjan jevita jew jipprova jevita kwalunkwe wieħed mill-obbligi fl-Artikolu 5, 6 jew 7 b’mod deskritt fil-paragrafi 4, 5 u 6 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’ tiftaħ proċedimenti skont l-Artikolu 20 u tadotta att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 8(2) sabiex tispeċifika l-miżuri li l-gwardjan għandu jimplimenta.

8.   Il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu hu mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikoli 29, 30 u 31.

Artikolu 14

Obbligu tal-għoti ta’ informazzjoni dwar il-konċentrazzjonijiet

1.   Gwardjan għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar kull konċentrazzjoni maħsuba skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004, meta l-entitajiet li jkunu qed jiġu fużi jew il-mira ta’ konċentrazzjoni jipprovdu servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew xi servizz ieħor fis-settur diġitali jew jippermettu l-ġbir ta’ data, irrispettivament minn jekk tkunx notifikabbli lill-Kummissjoni skont dak ir-Regolament jew lil awtorità kompetenti nazzjonali tal-kompetizzjoni skont ir-regoli nazzjonali dwar il-fużjonijiet.

Gwardjan għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar din il-konċentrazzjoni qabel l-implimentazzjoni tagħha u wara l-konklużjoni tal-ftehim, it-tħabbira tal-offerta pubblika, jew l-akkwiżizzjoni ta’ interess kontrollanti.

2.   L-informazzjoni pprovduta mill-gwardjan skont il-paragrafu 1 għandha mill-inqas tiddeskrivi l-impriżi milquta mill-konċentrazzjoni, il-fatturati annwali tagħhom fl-Unjoni u madwar id-dinja, l-oqsma ta’ attività tagħhom, inkluż l-attivitajiet relatati direttament mal-konċentrazzjoni u l-valur tat-tranżazzjoni tal-ftehim jew stima tagħha flimkien ma’ sommarju tal-konċentrazzjoni, inkluż in-natura tagħha u r-raġuni għaliha u lista tal-Istati Membri kkonċernati mill-konċentrazzjoni.

L-informazzjoni pprovduta mill-gwardjan għandha tiddeskrivi wkoll, għal kwalunkwe servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti, il-fatturati annwali tagħhom fl-Unjoni, l-għadd tagħhom ta’ utenti kummerċjali attivi annwali u l-għadd tagħhom ta’ utenti finali attivi ta’ kull xahar, rispettivament.

3.   Jekk, wara kwalunkwe konċentrazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, servizzi ewlenin addizzjonali ta’ pjattaforma jilħqu individwalment il-limiti fl-Artikolu 3(2), punt (b), il-gwardjan ikkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan fi żmien xahrejn mill-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni u jipprovdi l-informazzjoni lill-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 3(2).

4.   il-kummissjoni għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bi kwalunkwe informazzjoni li tirċievi skont il-paragrafu 1 u tippubblika kull sena l-lista tal-akkwiżizzjonijiet li dwarhom tkun ġiet infurmata mill-gwardjani skont dak il-paragrafu.

Il-Kummissjoni għandha tqis l-interess leġittimu tal-impriżi li s-sigrieti kummerċjali tagħhom ikunu protetti.

5.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jużaw l-informazzjoni li jirċievu skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu biex jitolbu lill-Kummissjoni teżamina l-konċentrazzjoni skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004.

Artikolu 15

Obbligu ta’ awditu

1.   Fi żmien sitt xhur wara d-deżinjazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 3, gwardjan għandu jippreżenta deskrizzjoni awditjata b’mod indipendenti lill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe teknika għat-tfassil tal-profili dwar il-konsumaturi li l-gwardjan japplika għas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma tiegħu elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9) jew fl-ambitu ta’ tali servizzi. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik id-deskrizzjoni awditjata lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

2.   il-kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 46(1), punt (g), biex tiżviluppa l-metodoloġija u l-proċedura tal-awditu.

3.   Il-gwardjan għandu jagħmel disponibbli għall-pubbliku ħarsa ġenerali tad-deskrizzjoni awditjata msemmija fil-paragrafu 1. Meta jagħmel dan, il-gwardjan għandu jkun jista’ jqis il-ħtieġa li jiġu rrispettati s-sigrieti kummerċjali tiegħu. Il-gwardjan għandu jaġġorna dik id-deskrizzjoni u dik il-ħarsa ġenerali mill-inqas darba fis-sena.

KAPITOLU IV

INVESTIGAZZJONI TAS-SUQ

Artikolu 16

Ftuħ ta’ investigazzjoni tas-suq

1.   Meta l-Kummissjoni tkun beħsiebha twettaq investigazzjoni tas-suq bil-ħsieb ta’ adozzjoni possibbli ta’ deċiżjonijiet skont l-Artikoli 17, 18 u 19, din għandha tadotta deċiżjoni tal-ftuħ ta’ investigazzjoni tas-suq.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ teżerċita s-setgħat investigattivi tagħha skont dan ir-Regolament qabel ma tiftaħ investigazzjoni tas-suq skont dak il-paragrafu.

3.   Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tispeċifika:

(a)

id-data tal-ftuħ ta’ investigazzjoni tas-suq;

(b)

id-deskrizzjoni tal-kwistjoni li dwarha qed issir l-investigazzjoni tas-suq;

(c)

l-iskop tal-investigazzjoni tas-suq.

4.   il-kummissjoni tista’ tiftaħ mill-ġdid investigazzjoni tas-suq li tkun għalqet meta:

(a)

tkun saret bidla materjali f’xi wieħed mill-fatti li fuqhom tkun issejset deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 17, 18 jew 19; jew

(b)

id-deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 17, 18 jew 19 tkun issejset fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa.

5.   il-kummissjoni tista’ titlob lil awtorità kompetenti nazzjonali waħda jew aktar biex tassistiha fl-investigazzjoni tas-suq tagħha.

Artikolu 17

Investigazzjoni tas-suq għad-deżinjazzjoni tal-gwardjani

1.   il-kummissjoni tista’ twettaq investigazzjoni tas-suq biex teżamina jekk impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma għandhiex tiġi ddeżinjata bħala gwardjan skont l-Artikolu 3(8), jew sabiex tidentifika s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li għandhom jiġu elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9). Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-investigazzjoni tas-suq tagħha fi żmien 12-il xahar mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a). Sabiex tikkonkludi l-investigazzjoni tas-suq tagħha, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi d-deċiżjoni tagħha. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   Waqt investigazzjoni tas-suq skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma kkonċernata fi żmien sitt xhur mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a). Fis-sejbiet preliminari, il-Kummissjoni għandha tispjega jekk tqisx, fuq bażi proviżorja, li jkun xieraq li dik l-impriża tiġi ddeżinjata bħala gwardjan skont l-Artikolu 3(8), u li s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti jiġu elenkati skont l-Artikolu 3(9).

3.   Meta l-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tissodisfa l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 3(2), iżda tkun ippreżentat argumenti sostanzjati biżżejjed skont l-Artikolu 3(5) li b’mod ċar ikunu qajmu dubji dwar il-preżunzjoni fl-Artikolu 3(2), il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-investigazzjoni tas-suq fi żmien ħames xhur mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a).

F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu lill-impriża kkonċernata fi żmien tliet xhur mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a).

4.   Meta l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 3(8), tiddeżinja bħala gwardjan impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li tkun għadha ma tgawdix pożizzjoni stabbilita u dejjiema fl-operazzjonijiet tagħha, iżda li prevedibbilment ser tgawdi minn pożizzjoni bħal din fil-futur qrib, tista’ tiddikjara applikabbli għal dak il-gwardjan wieħed jew aktar mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 5(3) sa (6) u l-Artikolu 6(4), (7), (9), (10) u (13), kif speċifikat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddikjara applikabbli biss dawk l-obbligi li huma xierqa u meħtieġa biex jiġi evitat li l-gwardjan ikkonċernat jikseb pożizzjoni stabbilita u dejjiema fl-operazzjonijiet tiegħu, b’mezzi inġusti. Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina din id-deżinjazzjoni f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 4.

Artikolu 18

Investigazzjoni tas-suq dwar nonkonformità sistematika

1.   il-kummissjoni tista’ twettaq investigazzjoni tas-suq bil-għan li teżamina jekk gwardjan kienx involut f’nonkonformità sistematika. Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi dik l-investigazzjoni tas-suq fi żmien 12-il xahar mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a). Meta l-investigazzjoni tas-suq turi li gwardjan ikun kiser b’mod sistematiku wieħed jew aktar mill-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 jew 7 u jkun żamm, saħħaħ jew estenda l-pożizzjoni ta’ gwardjan tiegħu fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(1), il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jimponi fuq dan il-gwardjan kwalunkwe rimedju komportamentali jew strutturali li jkun proporzjonat u meħtieġ biex tiġi żgurata konformità effettiva ma’ dan ir-Regolament. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   Ir-rimedju impost f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jista’ jinkludi, sa fejn tali rimedju jkun proporzjonat u meħtieġ sabiex jinżammu jew jiġu restawrati l-korrettezza u l-kontestabbiltà kif affettwati min-nonkonformità sistematika, il-projbizzjoni, matul perjodu limitat, għall-gwardjan milli jidħol f’konċentrazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 fir-rigward tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew is-servizzi l-oħra pprovduti fis-settur diġitali jew li jippermetti l-ġbir ta’ data li hija affettwata min-nonkonformità sistematika.

3.   Gwardjan għandu jitqies li jkun wettaq nonkonformità sistematika mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7, meta l-Kummissjoni tkun ħarġet mill-inqas tliet deċiżjonijiet ta’ nonkonformità skont l-Artikolu 29 kontra gwardjan b’rabta ma’ xi wieħed mis-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tiegħu fi żmien tmien snin qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ ta’ investigazzjoni tas-suq fid-dawl tal-adozzjoni possibbli ta’ deċiżjoni skont dan l-Artikolu.

4.   il-kummissjoni għandha tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-gwardjan ikkonċernat fi żmien sitt xhur mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a). Fis-sejbiet preliminari tagħha, il-Kummissjoni għandha tispjega jekk preliminarjament tqisx li l-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu huma ssodisfati u liema rimedju/i tqis preliminarjament li huma meħtieġa u proporzjonati.

5.   Sabiex il-partijiet terzi interessati jkunu jistgħu jipprovdu kummenti b’mod effettiv, il-Kummissjoni għandha, fl-istess ħin li tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-gwardjan skont il-paragrafu 4 jew malajr kemm jista’ jkun wara dan, tippubblika sommarju mhux kunfidenzjali tal-każ u r-rimedji li tkun qed tqis li timponi. Il-Kummissjoni għandha tispeċifika perjodu ta’ żmien raġonevoli li fih għandhom jiġu pprovduti tali kummenti.

6.   Meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tadotta deċiżjoni skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu billi tagħmel vinkolanti l-impenji offruti mill-gwardjan skont l-Artikolu 25, hija għandha tippubblika sommarju mhux kunfidenzjali tal-każ u l-kontenut ewlieni tal-impenji. Il-partijiet terzi interessati jistgħu jressqu l-kummenti tagħhom f’perjodu ta’ żmien raġonevoli li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni.

7.   Matul l-investigazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni tista’ testendi t-tul ta’ żmien tal-investigazzjoni meta tali estensjoni tkun iġġustifikata għal raġunijiet oġġettivi u proporzjonati. L-estensjoni tista’ tapplika għall-iskadenza sa meta l-Kummissjoni jkollha tippreżenta s-sejbiet preliminari tagħha, jew għall-iskadenza tal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali. It-tul ta’ żmien totali ta’ kwalunkwe estensjoni jew estensjonijiet skont dan il-paragrafu ma għandux jaqbeż is-sitt xhur.

8.   Sabiex jiġi żgurat li l-gwardjan jikkonforma b’mod effettiv mal-obbligi tiegħu stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7, il-Kummissjoni għandha regolarment tirrieżamina r-rimedji li timponi f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tkun intitolata li timmodifika dawk ir-rimedji jekk, wara investigazzjoni ġdida tas-suq, issib li mhumiex effettivi.

Artikolu 19

Investigazzjoni tas-suq dwar servizzi ġodda u prattiki ġodda

1.   il-kummissjoni tista’ twettaq investigazzjoni tas-suq bil-għan li teżamina jekk servizz wieħed jew aktar fis-settur diġitali għandhomx jiżdiedu mal-lista tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma stipulati fl-Artikolu 2, punt (2) jew bil-għan li tidentifika prattiki li jillimitaw il-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma jew li jkunu inġusti, u li ma jkunux indirizzati b’mod effettiv minn dan ir-Regolament. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tqis kwalunkwe sejba rilevanti ta’ proċedimenti skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE dwar is-swieq diġitali kif ukoll kwalunkwe żvilupp rilevanti ieħor.

2.   il-kummissjoni tista’, meta twettaq investigazzjoni tas-suq skont il-paragrafu 1, tikkonsulta lil partijiet terzi, inkluż l-utenti kummerċjali u l-utenti finali tas-servizzi fis-settur diġitali li jkunu qed jiġu investigati u lill-utenti kummerċjali u lill-utenti finali li jkunu soġġetti għal prattiki li jkunu qed jiġu investigati.

3.   il-kummissjoni għandha tippubblika s-sejbiet tagħha f’rapport fi żmien 18-il xahar mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a).

Dak ir-rapport għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u, fejn xieraq, għandu jkun akkumpanjat minn:

(a)

proposta leġiżlattiva biex jiġi emendat dan ir-Regolament ħalli jiġu inklużi servizzi addizzjonali fis-settur diġitali fil-lista tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma stipulata fl-Artikolu 2, punt (2), jew biex jiġu inklużi obbligi ġodda fil-Kapitolu III; jew

(b)

abbozz ta’ att delegat li jissupplimenta dan ir-Regolament fir-rigward tal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6, jew abbozz ta’ att delegat li jemenda jew jissupplimenta dan ir-Regolament fir-rigward tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 7, kif previst fl-Artikolu 12.

Fejn xieraq, il-proposta leġiżlattiva biex jiġi emendat dan ir-Regolament skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tista’ wkoll tipproponi li jitneħħew is-servizzi eżistenti mil-lista tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma stipulata fl-Artikolu 2, punt (2), jew biex jitneħħew obbligi eżistenti mill-Artikolu 5, 6 jew 7.

KAPITOLI V

SETGĦAT INVESTIGATTIVI, TA’ INFURZAR U TA’ MONITORAĠĠ

Artikolu 25

Impenji

1.   Jekk, waqt proċedimenti skont l-Artikolu 18, il-gwardjan ikkonċernat joffri impenji għas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti biex jiżgura konformità mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jagħmel dawk l-impenji vinkolanti għal dak il-gwardjan u tiddikjara li ma hemmx raġunijiet oħra għal azzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   il-kummissjoni tista’, meta tintalab jew b’inizjattiva tagħha stess, tiftaħ mill-ġdid il-proċedimenti rilevanti b’deċiżjoni, meta:

(a)

tkun saret bidla materjali f’xi wieħed mill-fatti li fuqhom tkun issejset id-deċiżjoni;

(b)

il-gwardjan kkonċernat jaġixxi kontra l-impenji tiegħu;

(c)

id-deċiżjoni kienet issejset fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa mogħtija mill-partijiet;

(d)

l-impenji ma jkunux effettivi.

3.   Jekk il-Kummissjoni jidhrilha li l-impenji magħmula mill-gwardjan ikkonċernat ma jistgħux jiżguraw konformità effettiva mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7, din għandha tispjega r-raġunijiet għalfejn mhix ser tagħmel dawk l-impenji vinkolanti, fid-deċiżjoni li tikkonkludi l-proċedimenti rilevanti.

Artikolu 26

Monitoraġġ ta’ obbligi u miżuri

1.   il-kummissjoni għandha tieħu l-azzjonijiet meħtieġa biex timmonitorja l-implimentazzjoni effettiva u l-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7 u d-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikoli 8, 18, 24, 25 u 29. Dawk l-azzjonijiet jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, l-impożizzjoni ta’ obbligu fuq il-gwardjan li jżomm id-dokumenti kollha meqjusa rilevanti għall-valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ dawk l-obbligi u deċiżjonijiet u tal-konformità magħhom.

2.   L-azzjonijiet skont il-paragrafu 1 jistgħu jinkludu l-ħatra ta’ esperti u awdituri esterni indipendenti, kif ukoll il-ħatra ta’ uffiċjali mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri, biex jassistu lill-Kummissjoni timmonitorja l-obbligi u l-miżuri u biex jipprovdu kompetenza jew għarfien speċifiku lill-Kummissjoni.

Artikolu 29

Nonkonformità

1.   il-kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi s-sejba tagħha ta’ nonkonformità (“id-deċiżjoni ta’ nonkonformità”) meta ssib li gwardjan ma jikkonformax ma’ wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

kwalunkwe wieħed mill-obbligi stipulati fl-Artikolu 5, 6 jew 7;

(b)

il-miżuri speċifikati mill-Kummissjoni f’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 8(2);

(c)

ir-rimedji imposti skont l-Artikolu 18(1);

(d)

il-miżuri interim ordnati skont l-Artikolu 24; jew

(e)

l-impenji magħmula vinkolanti legalment skont l-Artikolu 25.

Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   il-kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tadotta d-deċiżjoni ta’ nonkonformità tagħha fi żmien 12-il xahar mill-ftuħ tal-proċedimenti skont l-Artikolu 20.

3.   Qabel ma tadotta d-deċiżjoni ta’ nonkonformità, il-Kummissjoni għandha tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-gwardjan ikkonċernat. F’dawk is-sejbiet preliminari, il-Kummissjoni għandha tispjega l-miżuri li qed tqis li ser tieħu jew li tqis li l-gwardjan għandu jieħu biex is-sejbiet preliminari jiġu indirizzati b’mod effettiv.

4.   Fejn ikollha l-ħsieb li tadotta deċiżjoni ta’ nonkonformità, il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta ma’ partijiet terzi.

5.   Fid-deċiżjoni ta’ nonkonformità, il-Kummissjoni għandha tordna lill-gwardjan biex iwaqqaf in-nonkonformità fi żmien xieraq u biex jagħti spjegazzjonijiet dwar kif jippjana li jikkonforma ma’ dik id-deċiżjoni.

6.   Il-gwardjan għandu jagħti deskrizzjoni lill-Kummissjoni tal-miżuri li jkun ħa biex jiżgura l-verifika tal-konformità mad-deċiżjoni ta’ nonkonformità.

7.   Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tadottax deċiżjoni ta’ nonkonformità, hija għandha tagħlaq il-proċedimenti permezz ta’ deċiżjoni.

Artikolu 30

Multi

1.   Fid-deċiżjoni ta’ nonkonformità, il-Kummissjoni tista’ timponi multi fuq gwardjan li ma jaqbżux l-10 % tal-fatturat dinji totali tiegħu fis-sena finanzjarja preċedenti meta ssib li l-gwardjan, intenzjonalment jew b’negliġenza, jonqos milli jikkonforma ma’:

(a)

kwalunkwe wieħed mill-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7;

(b)

il-miżuri speċifikati mill-Kummissjoni f’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 8(2);

(c)

ir-rimedji imposti skont l-Artikolu 18(1);

(d)

il-miżuri interim ordnati skont l-Artikolu 24; jew

(e)

l-impenji magħmula vinkolanti legalment skont l-Artikolu 25.

2.   Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, fid-deċiżjoni ta’ nonkonformità l-Kummissjoni tista’ timponi multi fuq gwardjan sa 20 % tal-fatturat totali tiegħu madwar id-dinja fis-sena finanzjarja preċedenti meta ssib li gwardjan ikun wettaq l-istess ksur jew ksur simili ta’ obbligu stipulat fl-Artikolu 5, 6 jew 7 fir-rigward tal-istess servizz ewlieni ta’ pjattaforma li nstab li wettaq f’deċiżjoni ta’ nonkonformità adottata fit-tmien snin preċedenti.

3.   il-kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni, li timponi fuq impriżi, inkluż gwardjani fejn applikabbli, u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, multi li ma jaqbżux 1 % tal-fatturat dinji totali tagħhom fis-sena finanzjarja preċedenti meta dawn intenzjonalment jew b’negliġenza:

(a)

jonqsu milli jipprovdu informazzjoni fil-limitu ta’ żmien li hija meħtieġa għall-valutazzjoni tad-deżinjazzjoni tagħhom bħala gwardjani skont l-Artikolu 3 jew jipprovdu informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa;

(b)

jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligu li jinnotifikaw lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3(3);

(c)

jonqsu milli jinnotifikaw informazzjoni jew jipprovdu informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa li hija meħtieġa skont l-Artikolu 14;

(d)

jonqsu milli jagħtu d-deskrizzjoni jew jipprovdu informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa li hija meħtieġa skont l-Artikolu 15;

(e)

jonqsu milli jipprovdu aċċess għad-data, algoritmi jew informazzjoni dwar ittestjar b’risposta għal talba magħmula skont l-Artikolu 21(3);

(f)

jonqsu milli jipprovdu l-informazzjoni mitluba fil-limitu ta’ żmien stabbilit skont l-Artikolu 21(3) jew jipprovdu informazzjoni jew spjegazzjonijiet skorretti, mhux kompluti jew qarrieqa li huma mitluba skont l-Artikolu 21 jew li huma mogħtija waqt intervista skont l-Artikolu 22;

(g)

jonqsu milli jirrettifikaw f’limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni, informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa mogħtija minn rappreżentant jew membru tal-persunal, jew jonqsu milli, jew jirrifjutaw li, jipprovdu informazzjoni kompluta dwar fatti relatati mas-suġġett u l-għan ta’ spezzjoni, skont l-Artikolu 23;

(h)

jirrifjutaw li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni skont l-Artikolu 23;

(i)

jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligi imposti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 26;

(j)

jonqsu milli jintroduċu funzjoni ta’ verifika tal-konformità skont l-Artikolu 28; jew

(k)

jonqsu milli jikkonformaw mal-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 34(4).

4.   Fl-iffissar tal-ammont ta’ multa, il-Kummissjoni għandha tqis il-gravità, it-tul ta’ żmien, ir-rikorrenza u, għall-multi imposti skont il-paragrafu 3, id-dewmien ikkawżat fil-proċedimenti.

5.   Meta tiġi imposta multa fuq assoċjazzjoni ta’ impriżi li tqis il-fatturat dinji tal-membri tagħha u dik l-assoċjazzjoni ma tkunx solventi, hija għandha tkun obbligata titlob kontribuzzjonijiet mingħand il-membri tagħha biex tkopri l-ammont tal-multa.

Meta dawn il-kontribuzzjonijiet ma jkunux saru lill-assoċjazzjoni ta’ impriżi f’limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’ titlob il-pagament tal-multa direttament mingħand kwalunkwe impriża li r-rappreżentanti tagħha kienu membri tal-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet ikkonċernati ta’ dik l-assoċjazzjoni.

Wara li tkun talbet il-pagament skont it-tieni subparagrafu, il-Kummissjoni tista’ titlob il-pagament tal-bilanċ minn kwalunkwe wieħed mill-membri tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi, meta meħtieġ, biex tiżgura l-pagament kollu tal-multa.

Iżda l-Kummissjoni ma għandhiex titlob pagament skont it-tieni jew it-tielet subparagrafu mingħand impriżi li juru li ma implimentawx id-deċiżjoni tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi li kisru dan ir-Regolament, u ma kinux konxji mill-eżistenza tagħha, jew iddistanzjaw ruħhom b’mod attiv minnha qabel ma l-Kummissjoni tkun fetħet il-proċedimenti skont l-Artikolu 20.

Ir-responsabbiltà finanzjarja ta’ kull impriża fir-rigward tal-pagament tal-multa ma għandhiex taqbeż 20 % tal-fatturat dinji totali tagħha fis-sena finanzjarja preċedenti.

Artikolu 31

Pagamenti perjodiċi ta’ penali

1.   il-kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni li timponi pagamenti perjodiċi ta’ penali fuq impriżi, inkluż fuq gwardjani meta applikabbli, u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi għal kull jum li ma jaqbżux il-5 % tal-fatturat dinji medju ta’ kuljum fis-sena finanzjarja preċedenti, ikkalkulati mid-data stabbilita minn dik id-deċiżjoni, biex iġġegħelhom:

(a)

jikkonformaw mal-miżuri speċifikati mill-Kummissjoni f’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 8(2);

(b)

jikkonformaw mad-deċiżjoni skont l-Artikolu 18(1);

(c)

jipprovdu informazzjoni korretta u kompluta fil-limitu ta’ żmien mitlub f’talba għal informazzjoni magħmula permezz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 21;

(d)

jiżguraw l-aċċess għad-data, algoritmi u informazzjoni dwar ittestjar b’risposta għal talba magħmula skont l-Artikolu 21(3) u jagħtu spjegazzjonijiet dwarhom kif teżiġi deċiżjoni skont l-Artikolu 21;

(e)

jissottomettu ruħhom għal spezzjoni li ġiet ordnata b’deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 23;

(f)

jikkonformaw ma’ deċiżjoni li tordna miżuri interim meħuda skont l-Artikolu 24;

(g)

jikkonformaw mal-impenji magħmula vinkolanti legalment b’deċiżjoni skont l-Artikolu 25(1);

(h)

jikkonformaw ma’ deċiżjoni skont l-Artikolu 29(1).

2.   Meta l-impriżi, jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, ikunu ssodisfaw l-obbligu li l-pagament perjodiku ta’ penali kien maħsub jinforza, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni, li jistabbilixxi l-ammont definittiv tal-pagament perjodiku ta’ penali f’ċifra aktar baxxa minn dik li tirriżulta mid-deċiżjoni oriġinali. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

Artikolu 34

Dritt ta’ smigħ u ta’ aċċess għall-fajl

1.   Qabel ma tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 8, l-Artikolu 9(1), l-Artikolu 10(1), l-Artikoli 17, 18, 24, 25, 29 u 30, u l-Artikolu 31(2), il-Kummissjoni għandha tagħti l-opportunità ta’ smigħ lill-gwardjan jew lill-impriża jew lill-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernati, dwar:

(a)

sejbiet preliminari tal-Kummissjoni, inkluż kwalunkwe kwistjoni li l-Kummissjoni tkun oġġezzjonat għaliha; u

(b)

miżuri li l-Kummissjoni jaf ikun beħsiebha tieħu fid-dawl tas-sejbiet preliminari skont il-punt (a) ta’ dan il-paragrafu.

2.   Il-gwardjani, l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni dwar is-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni f’limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni fis-sejbiet preliminari tagħha li ma jistax ikun inqas minn 14-il jum.

3.   il-kummissjoni għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq sejbiet preliminari, inkluż kwalunkwe kwistjoni li l-Kummissjoni tkun oġġezzjonat għaliha, li dwarhom setgħu jikkummentaw il-gwardjani, l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati.

4.   Id-drittijiet ta’ difiża tal-gwardjan, l-impriża jew tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernati għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ fi kwalunkwe proċediment. Il-gwardjan, l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernati għandhom ikunu intitolati għal aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni skont termini ta’ divulgazzjoni, soġġett għall-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjonijiet li jistabbilixxu dawk it-termini ta’ divulgazzjoni. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni ma għandux jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenzjali u dokumenti interni tal-Kummissjoni jew tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. B’mod partikolari, id-dritt ta’ aċċess ma għandux jiġi estiż għal korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Xejn f’dan il-paragrafu ma għandu jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tikxef u tuża l-informazzjoni meħtieġa biex tipprova xi ksur.

Artikolu 35

Rappurtar annwali

1.   il-kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport annwali dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-progress li jkun sar lejn il-kisba tal-objettivi tiegħu.

2.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi:

(a)

sommarju tal-attivitajiet tal-Kummissjoni inkluż kwalunkwe miżura jew deċiżjoni adottata u investigazzjonijiet tas-suq li jkunu għaddejjin b’rabta ma’ dan ir-Regolament;

(b)

is-sejbiet li jirriżultaw mill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni mill-gwardjani tal-obbligi skont dan ir-Regolament;

(c)

valutazzjoni tad-deskrizzjoni awditjata msemmija fl-Artikolu 15;

(d)

ħarsa ġenerali lejn il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali b’rabta ma’ dan ir-Regolament;

(e)

ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet u l-kompiti mwettqa mill-Grupp ta’ Livell Għoli tar-Regolaturi Diġitali, inkluż kif għandhom jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-infurzar ta’ dan ir-Regolament.

3.   il-kummissjoni għandha tippubblika r-rapport fuq is-sit web tagħha.

Artikolu 37

Kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali

1.   il-kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu f’kooperazzjoni mill-qrib u jikkoordinaw l-azzjonijiet ta’ infurzar tagħhom biex jiżguraw infurzar koerenti, effettiv u komplementari tal-istrumenti legali disponibbli applikati għall-gwardjani skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament.

2.   il-kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-awtoritajiet nazzjonali fejn xieraq, dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 38

Kooperazzjoni u koordinazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jinfurzaw ir-regoli dwar il-kompetizzjoni

1.   il-kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) għandhom jikkooperaw bejniethom u jinfurmaw lil xulxin dwar l-azzjonijiet ta’ infurzar rispettivi tagħhom permezz tan-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni (NEK). Huma għandu jkollhom is-setgħa li jipprovdu lil xulxin kwalunkwe informazzjoni dwar kwistjoni ta’ fatt jew ta’ dritt, inkluż informazzjoni kunfidenzjali. Fejn l-awtorità kompetenti ma tkunx membru tan-NEK, il-Kummissjoni għandha tagħmel l-arranġamenti meħtieġa għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar każijiet li jikkonċernaw l-infurzar ta’ dan ir-Regolament u l-infurzar tal-każijiet imsemmija fl-Artikolu 1(6) ta’ tali awtoritajiet. Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi tali arranġamenti f’att ta’ implimentazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 46(1), punt (l).

2.   Fejn awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) tkun biħsiebha tniedi investigazzjoni dwar gwardjani abbażi ta’ liġijiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1(6), hija għandha tinforma lill-Kummissjoni bil-miktub dwar l-ewwel miżura investigattiva formali, qabel jew immedjatament wara l-bidu ta’ tali miżura. Din l-informazzjoni tista’ titqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) tal-Istati Membri l-oħra.

3.   Fejn awtorità nazzjonali nazzjonali tal-Istati Membri li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) tkun biħsiebha timponi obbligi fuq gwardjani abbażi ta’ liġijiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1(6), hija għandha, sa mhux aktar tard minn 30 jum qabel l-adozzjoni tiegħu, tikkomunika l-abbozz tal-miżura lill-Kummissjoni billi tiddikjara r-raġunijiet għall-miżura. Fil-każ ta’ miżuri interim, l-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) għandha tikkomunika lill-Kummissjoni l-abbozz tal-miżuri previsti malajr kemm jista’ jkun, u mhux aktar tard minn immedjatament wara l-adozzjoni ta’ tali miżuri. Din l-informazzjoni tista’ titqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) tal-Istati Membri l-oħra.

4.   Il-mekkaniżmi ta’ informazzjoni previsti fil-paragrafi 2 u 3 ma għandhomx japplikaw għal deċiżjonijiet previsti skont ir-regoli nazzjonali dwar il-fużjonijiet.

5.   L-informazzjoni skambjata skont il-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi skambjata u użata biss għall-fini ta’ koordinazzjoni tal-infurzar ta’ dan ir-Regolament u r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6).

6.   il-kummissjoni tista’ titlob lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) biex jappoġġaw kwalunkwe investigazzjoni tas-suq tagħha skont dan ir-Regolament.

7.   Fejn ikollha l-kompetenza u s-setgħat investigattivi biex tagħmel dan skont il-liġi nazzjonali, awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) tista’ fuq inizjattiva tagħha stess twettaq investigazzjoni dwar każ ta’ nonkonformità possibbli mal-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-Regolament fit-territorju tagħha. Qabel ma tieħu l-ewwel miżura investigattiva formali, dik l-awtorità għandha tinforma lill-Kummissjoni bil-miktub.

Il-ftuħ ta' proċedimenti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 20 għandu jeħles lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) mill-possibbiltà li jwettqu tali investigazzjoni jew għandu jtemm l-investigazzjoni fejn din tkun diġà għaddejja. Dawk l-awtoritajiet għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar is-sejbiet ta’ tali investigazzjoni sabiex jappoġġaw lill-Kummissjoni fir-rwol tagħha bħala infurzatur uniku ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 40

Il-grupp ta’ livell għoli

1.   il-kummissjoni għandha tistabbilixxi grupp ta’ livell għoli għall-Att dwar is-Swieq Diġitali (“il-grupp ta’ livell għoli”).

2.   Il-grupp ta’ livell għoli għandu jkun magħmul mill-korpi u n-networks Ewropej li ġejjin:

(a)

il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi,

(b)

il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data,

(c)

in-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni,

(d)

in-Network ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, u

(e)

il-Grupp Regolatorju Ewropew ta’ Regolaturi tal-Media Awdjoviżiva.

3.   Il-korpi u n-networks Ewropej imsemmija fil-paragrafu 2 għandu jkollhom għadd ugwali ta’ rappreżentanti fil-grupp ta’ livell għoli. L-għadd massimu ta’ membri tal-grupp ta’ livell għoli ma għandux jaqbeż 30.

4.   il-kummissjoni għandha tipprovdi servizzi ta’ segretarjat lill-grupp ta’ livell għoli sabiex tiffaċilita l-ħidma tiegħu. Il-grupp ta’ livell għoli għandu jkun ippresedut mill-Kummissjoni, li għandha tipparteċipa fil-laqgħat tiegħu. Il-grupp ta’ livell għoli għandu jiltaqa’ fuq talba tal-Kummissjoni mill-inqas darba kull sena kalendarja. Il-Kummissjoni għandha ssejjaħ ukoll laqgħa tal-grupp meta tintalab tagħmel dan mill-maġġoranza tal-membri li jiffurmaw il-grupp sabiex tiġi indirizzata kwistjoni speċifika.

5.   Il-grupp ta’ livell għoli jista’ jipprovdi lill-Kummissjoni b’pariri u għarfien espert fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-membri tiegħu, inkluż:

(a)

pariri u rakkomandazzjonijiet li jaqgħu taħt l-għarfien espert tagħhom rilevanti għal kwalunkwe kwistjoni ġenerali ta’ implimentazzjoni jew ta’ infurzar ta’ dan ir-Regolament; jew

(b)

pariri u għarfien espert li jippromwovu approċċ regolatorju konsistenti fi strumenti regolatorji differenti.

6.   Il-grupp ta’ livell għoli jista’, b’mod partikolari, jidentifika u jivvaluta l-interazzjonijiet attwali u potenzjali bejn dan ir-Regolament u r-regoli speċifiċi għas-setturi applikati mill-awtoritajiet nazzjonali li jiffurmaw il-korpi u n-networks Ewropej imsemmija fil-paragrafu 2 u jippreżenta rapport annwali lill-Kummissjoni li jippreżenta tali valutazzjoni u jidentifika kwistjonijiet transregolatorji potenzjali. Tali rapport jista’ jkun akkumpanjat minn rakkomandazzjonijiet li għandhom l-għan li jikkonverġu lejn approċċi transdixxiplinari konsistenti u sinerġiji bejn l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u regolamenti settorjali oħra. Ir-rapport għandu jiġi komunikat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

7.   Fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tas-suq f’servizzi ġodda u prattiki ġodda, il-grupp ta’ livell għoli jista’ jipprovdi għarfien espert lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jiġu emendati, miżjuda jew imneħħija regoli f’dan ir-Regolament, biex jiġi żgurat li s-swieq diġitali madwar l-Unjoni jkunu kontestabbli u ġusti.

Artikolu 44

Pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet

1.   il-kummissjoni għandha tippubblika d-deċiżjonijiet li tieħu skont l-Artikoli 3 u 4, l-Artikolu 8(2), l-Artikoli 9, 10, 16 sa 20 u 24, l-Artikolu 25(1), l-Artikoli 29, 30 u 31. Din il-pubblikazzjoni għandha tiddikjara l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut ewlieni tad-deċiżjoni, inkluż kull penali impost.

2.   Il-pubblikazzjoni għandha tqis l-interess leġittimu tal-gwardjani jew ta’ partijiet terzi fil-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali tagħhom.

Artikolu 46

Dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni

1.   il-kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu arranġamenti dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan li ġej:

(a)

il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tan-notifiki u s-sottomissjonijiet skont l-Artikolu 3;

(b)

il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tal-miżuri tekniċi li l-gwardjani għandhom jimplimentaw biex jiżguraw il-konformità mal-Artikolu 5, 6 jew 7;

(c)

arranġamenti operazzjonali u tekniċi bil-ħsieb li tiġi implimentata l-interoperabbiltà tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri skont l-Artikolu 7;

(d)

il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tat-talba motivata skont l-Artikolu 8(3);

(e)

il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tat-talbiet motivati skont l-Artikoli 9 u 10;

(f)

il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tar-rapporti regolatorji pprovduti skont l-Artikolu 11;

(g)

il-metodoloġija u l-proċedura għad-deskrizzjoni awditjata tat-tekniki użati għat-tfassil tal-profili tal-konsumaturi prevista fl-Artikolu 15(1); meta tiżviluppa abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u tista’ tikkonsulta lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, lis-soċjetà ċivili u lil esperti rilevanti oħra

(h)

il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tan-notifiki u s-sottomissjonijiet magħmula skont l-Artikoli 14 u 15;

(i)

l-arranġamenti prattiċi tal-proċedimenti li jikkonċernaw l-investigazzjonijiet tas-suq skont l-Artikoli 17, 18 u 19, u l-proċedimenti skont l-Artikoli 24, 25 u 29;

(j)

l-arranġamenti prattiċi għall-eżerċitar tad-dritt ta’ smigħ previst fl-Artikolu 34;

(k)

l-arranġamenti prattiċi għat-termini ta’ divulgazzjoni previsti fl-Artikolu 34;

(l)

l-arranġamenti prattiċi għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali previsti fl-Artikoli 37 u 38; u

(m)

l-arranġamenti prattiċi għall-kalkolu u l-estensjoni tal-iskadenzi.

2.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, punti (a) sa (k) u punt (m) ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, punt (l), ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 50(3).

3.   Qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe att ta’ implimentazzjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tippubblika abbozz tagħha u tistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jissottomettu l-kummenti tagħhom f’limitu ta’ żmien, li ma jistax ikun inqas minn xahar.

Artikolu 50

Proċedura ta’ Kumitat

1.   il-kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat (“il-Kumitat Konsultattiv għas-Swieq Diġitali”). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn l-opinjoni tal-Kumitat tkun trid tinkiseb permezz tal-proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tittermina mingħajr riżultat fejn, fil-limitu ta’ żmien għall-għoti tal-opinjoni, il-President tal-Kumitat hekk jiddeċiedi, jew maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Kumitat titlob li jsir hekk.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4.   il-kummissjoni għandha tikkomunika l-opinjoni tal-kumitat lid-destinatarju ta’ deċiżjoni individwali, flimkien ma’ dik id-deċiżjoni. Għandha tippubblika l-opinjoni flimkien mad-deċiżjoni individwali, filwaqt li tqis l-interess leġittimu fil-protezzjoni tas-segretezza professjonali.


whereas









keyboard_arrow_down